Ġeografija u Storja
Il-Għargħur huwa wieħed mill-iżgħar irħula f’Malta li huwa kbir madwar 2 kilometri kwadri u b’popolazzjoni ta’ madwar 2,086 ruħ. Huwa raħal rurali karatteristiku li jinsab bejn in-Naxxar u l-Madliena lejn il-punent u l-lvant rispettivament. Il-lokalità hija eżempju importanti ta’ raħal tipiku li għadu sal-lum imdawwar b’żoni rurali u art agrikola ta’ kwalità tajba. Dan jipprovdi atmosfera kwieta u serena mżewqa b’żoni naturali ħodor. Il-Għargħur għadu jżomm delineazzjoni naturali madwar ir-raħal, li jiddifferenzjah għal kollox mill-lokalitajiet tal-madwar. Ir-raħal għandu ambjent u karattru rurali partikolari, li huwa importanti li jiġi ikkonservat u protett.